Għal sena oħra!

minn Fr Jean Claude Schembri, f’isem iċ-Chapliancy Team

Kaxxi vojta. Kollox ippustjat gozz gozz: tinsils mitfugħin mal-art skont kulurhom, dak li ndendlu mal-gallarija issa ntefa’ fil-parapett, id-dwal mdawrin biex ma jinqatgħux, kollox lest biex imur lura f’postu. Ġesù Bambin, li n-nanna tarma fl-intrata, baqa’ jħares ċass qisu bħal imdejjaq li reġa’ spiċċa żmienu u sejjer għal sen’oħra jinħeba fuq ir-raff.

Hu u jara dan kollu, Vince bilkemm kien jaf x’qiegħed iħoss. Il-Milied kien iħobbu ħafna u f’qalbu kien jixtieq li kien itul is-sena kollha. Bis-serqa niżel u mill-maxtura ħa tibna u għaffiġha f’idu. Riedha b’tifkira ta’ Milied sabiħ li kellu mal-familja u waqt il-quddies tal-lejl tal-Milied fil-kappella tal-iskola. In-nannu ġie ħdejh u b’daħka fuq fommu fetaħ idejh u wrieh tibna mgħaffġa li hu wkoll kellu f’idu. Dar lejn in-neputi u f’widnejh sefsiflu, “Vince, il-Milied ma jispiċċax hawn, anzi Ġesù li twieled issa jrid jibda jaħdem fina u permezz tagħna biex iħobb lill-oħrajn.” Għannqu waħda lil xulxin u minn taħt l-ilsien Vince qal, “Tibżax Bambin, issa nieħu ħsieb inħobb jiena waqt li inti tistrieħ fil-kaxxa. Għal sena oħra, Bambin!”

F’isimna lkoll nawgurawlkom li dak li għexna fil-Milied verament jispirana biex ngħixu s-sena l-ġdida b’imħabba ġenwina.