Il-Qabar vojt

minn Ms. Dorianne Cassar, Lay Assistant Chaplain

Il-qabar vojt huwa għalina t-tama tagħna. Ġesù qam għax rebaħ fuq il-mewt biex hekk lilna akkwistalna l-ħajja ta’ dejjem. Aħna mmutu fil-ġisem imma nitwieldu għal ħajja ta’ dejjem. Dan huwa żmien li bla ma rridu naħsbu fuq dak li ġej. Fuq dak li ftit li xejn nafu dwaru, fuq dak li forsi f’xi uħud minna jnissel biża u ansjetá.

Aħna li nemmnu nafu, li l-mewt mhix it-tmiem imma l-bidu ta’ ħajja ġdida, ħajja oħra. Il-vantaġġ hu li aħna nistgħu niffisaw l-istill ta’ din il-ħajja li għad rridu ngħaddu għaliha minn issa stess. Skont kif wieħed jgħix, imut. U skont kif wieħed imut ikompli jgħix!

Ejjew ħbieb ninvestu mhux f’dak li jgħaddi u jispiċċa rmied imma f’dak li ħa jibqa’ – f’dak li la jagħmel għalih is-saddid u lanqas il-kamla. Daqqiet sfortunament nistħajjluna li ħa nibqgħu hawn għal dejjem u li l-mewt mhix għalina. U nsorru u nerfgħu, niġbru u naħżnu
daqs li kieku ħa ngħixu għal dejjem. Ġesù biss it-tama tagħna – Ġesù biss jista’ jeħlisna minn kull saram u minn kull għawġ għax hu biss jista’ kollox. Ejja għalhekk inħallu din il-ġrajja tal-Għid tkompli timlina b’tama li terġa ssaltan fostna l-paċi biex hekk inkompli ngħixu flimkien bħal aħwa u ulied tal-istess Missier.