L-esperjenza tagħna waqt l-Agribusiness

minn Tommy Sciberras u Nathan Camilleri, studenti fid-9a sena


Fl-Agribusiness nagħmlu ħafna affarijiet sbieħ. S’issa tkellimna ħafna dwar it-tkabbir tal-pjanti. Madankollu, l-isbaħ lezzjonijiet ikunu dawk meta noħorġu naħdmu fl-għalqa fejn ħawwilna x-xitel tal-frawli, tal-kaboċċi u tal-pastard. Żrajna wkoll il-patata fl-għalqa, kif ukoll iż-żerriegħa tal-ispinaċi u tal-ġidra fis-serra. La jaqleb ftit it-temp ħa niżirgħu ukoll xi fjuri.

Fil-bidu tas-sena konna għamilna d-drip iżda meta għamel dak il-ħafna maltemp, kien qalgħalna kollox. Dil-ġimgħa erġajna għazaqna madwar il-pjanti kollha biex inneħħu l-ħaxix ħazin u nkissru ftit il-ħamrija li kienet ibbieset ħafna bl-ilma. Wara, erġajna għaddejna d-drip peress li t-temp daqt jerġa’ jibda jisħon u ma tantx qed tagħmel xita.

Din il-ġimgħa tkellimna dwar il-fertilizzanti li jipprovdu n-nutrijenti biex il-pjanti jikbru b’saħħithom. Rajna kif fertilizzanti differenti huma important fi stadji differenti fil-ħajja tal-pjanti.

Dan is-suġġett qed jgħinna naprezzaw aktar ix-xogħol iebes involut fil-proċess kollu sabiex minn żerriegħa, insibu ħaxix u frott frisk għall-bejgħ fil-ħwienet.