Daqqa t’id fil-vaganzi tal-Milied

minn Mr. Andrew Borg, 4.1


Matul il-vaganzi tal-Milied, l-istudenti tar-Raba’ Sena ingħataw proġett relatat ma’ dak li ġie diskuss f’xi lezzjonijiet tar-Reliġjon matul l-ewwel term skolastiku. F’dawn il-lezzjonijiet tkellimna flimkien dwar komunitajiet differenti li aħna niffurmaw parti minnhom, fosthom il-familja, l-iskola, l-għaqdiet li nattendu – reliġjużi, ċivili, sportivi – fost ħafna oħrajn.

L-istudenti kienu mitluba biex matul il-vaganzi joffru ftit mill-ħin tagħhom f’komunità li huma jagħmlu parti minnha, u jagħtu daqqa t’id f’xi xogħol li jkun hemm bżonn isir. Diversi kienu dawk li għażlu li jgħinu iktar fid-dar jew lil xi familjari tagħhom. Studenti oħrajn qattgħu ammont ta’ ħin jgħinu lil xi entità li huma parti minnha. Din kienet opportunità għall-istudenti li mhux biss jitgħallmu jmiddu jdejhom iktar għal ċertu xogħol, imma, anki kif kitbu huma stess, jitgħallmu japprezzaw il-ħidma li ssir minn tant nies madwarhom filwaqt li jikbru fil-ġenerożità lejn l-oħrajn.

Proġett bħal dan jgħin ukoll sabiex dak li jiġi mgħallem u diskuss fil-lezzjonijiet tar-Reliġjon, u l-valuri mgħoddija, ma jkunux biss kliem sabiħ li ngħiduhom u nisimgħuhom, imma jissarrfu fil-prattika u fl-għixien tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.