
Nhar il-Ħamis 4 t’Ottubru, festa ta’ San Franġisk t’Assisi, it-turf area tal-iskola ma kenitx mimlija biss bis-soltu storbju li jagħmlu t-tfal fil-brejk imma kellna wkoll l-inbiħ tal-klieb, it-tpespis tal-għasafar u l-ħsejjes tal-qtates! Ftit qabel is-siegħa ta’ waranofsinhar meta l-istudenti tal-primarja bdew neżlin fuq it-turf area, bdew jaslu l-ġenituri u familjari tagħhom bil-pets tagħhom, b’ritratti tal-pets u xi wħud ġabu wkoll xi pjanti. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’taħdita interessanti mis-Sur Natalino Cristiano, persuna nieqsa mid-dawl li spjega lit-tfal kif il-guide dog huwa l-għajnejn tiegħu.
![]() |
![]() |
Wara, ħamest itfal flimkien ma’ grupp ta’ persuni mill-Assoċjazzjoni Great Oak Malta li taħdem favur il-paċi u d-drittijiet umani, ippreżentaw bin-narrazzjoni, żfin, kant, mużika u d-drama l-ħajja ta’ San Franġisk. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bit-tberik tal-annimali u b’talba mill-qalb sabiex ilkoll inkomplu ngħożżu u nħarsu l-ħolqien li tana l-Mulej Alla.
![]() |
![]() |
![]() |




