Il-Mentor Sessions mal-istudenti tagħna

minn Ms. Gabriella Mifsud, House Mentor Year 9 Bosco

Meta wieħed jidħol is-Seminarju tal-Arċisqof, minnufih jinduna bis-sens qawwi ta’ komunità li jinsab ġol-istess skola. Dan ir-riżultat ma jiġix waħdu iżda huwa frott ta’ għadd ta’ attivitajiet li l-iskola tipprovdi sabiex tissaħħaħ din is-sens ta’ għaqda.

Din is-sena, bħala mentors, ġejna mogħtija l-opportunità li, bejn wieħed u ieħor, darba fix-xahar, inqattgħu lezzjoni mal-istudenti tal-klassi tagħna sabiex inkunu nafu lill-istudenti aħjar, u jekk jeħtieġu xi għajnuna jew xi ħaġa tkun qed tinkwetahom, l-istudenti jkollhom l-opportunità jesprimu l-ħsibijiet u l-ħsus tagħhom f’dawn il-minuti. Waqt is-sessjoni mal-Year 9 Bosco, iddeċidejt li nagħmel xi attivitajiet ta’ team-building. L-ewwel urejthom filmat dwar x’riżultat wieħed jikseb meta jaħdem f’team u x’riżultat jinkiseb meta wieħed jaħdem għal rasu. Wara ħriġna xi punti dwaru, u waħidhom innutaw li meta wieħed jaħdem f’team, ir-riżultat ikun ħafna aħjar. Wara għaddejna għal xi attivitajiet ħalli dak li ddiskutejna dwaru, narawh fil-prattika. Qsamt il-klassi fi tliet gruppi u kellhom jagħmlu tliet attivitajiet. Fl-ewwel attività, l-istudenti, bl-użu tal-lastku u l-ispag, kellhom jagħmlu torri bit-tazzi mogħtija. Flimkien kellhom jikkordinaw sabiex imexxu t-tazzi u jagħmluhom fuq xulxin. It-tieni attività kienet li jibnu torri bil-karti biss, mingħajr ma jużaw materjal ieħor. F’dan il-punt ammirajt kemm l-istudenti bdew jaħsbu flimkien, jaqsmu l-ideat tagħhom, jippruvaw u jaraw x’jaħdem u x’ma jaħdimx. Finalment, l-istudenti kienu mogħtija chart li riedu joqogħdu fiha kollha taparsi gżira u riedu jippruvaw isalvaw lil xulxin meta din il-gżira bdiet tiċkien.

B’dawn l-attivitajiet, mhux biss l-istudenti raw l-importanza u r-riżultat ta’ meta wieħed jaħdem fi team, iżda saru jafu lil xulxin ftit aktar għax ħadmu ma’ persuni li forsi, normalment, mhux dejjem jaħdmu magħhom.