Recording mill-Kor SemiQuavers tas-Seminarju tal-Arċisqof

mis-Sur Andrew Borg, Assistent Chaplain

Nhar it-Tlieta 5 ta’ Novembru, għal ħafna kien jum ta’ vaganza. Imma grupp ta’ studenti mill-iskola li jiffurmaw parti mill-kor SemiQuavers, kien impenjat b’recording ta’ żewġ innijiet. It-tfal, flimkien ma’ xi għalliema, iltaqgħu Tone Studios f’Birkirkara. Hemmhekk, bl-għajnuna tas-Sur Andrew Zammit, ġew irrekordjati l-Innu Malti u l-Innu tal-Iskola mit-tfal tal-kor. Minbarra li kien mument fejn it-tfal iltaqgħu flimkien b’mod informali, għal ħafna minnhom kienet ukoll esperjenza ġdida li jidħlu fi studio u jagħmlu recording. Wara r-recording tqassmu wkoll flokkijiet ġodda bil-logo tal-kor li se jibdew jintlibsu mit-tfal meta jkantaw waqt l-attivitajiet li jieħdu sehem fihom u xi ħaġa tajba għal żaqqhom qabel ma telqu ma naqsitx lanqas!