Ċelebrazzjoni fil-Bidu tas-Sena fl-Iskola Sekondarja

Nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru saret ċelebrazzjoni tal-bidu tas-sena akkademika permezz ta’ quddiesa għall-istaff u l-istudenti kollha tal-iskola sekondarja mis-Surmast Dun Mark Ellul u animata mit-tim tal-Liturġija, il-kor u l-band tal-istaff bil-parteċipazzjoni tal-istudenti tal-għaxar sena.

Waqt l-omelija, Dun Mark qabbel l-ewwel qari dwar il-profeta Ġona mal-ħajja tagħna fl-iskola. Irrefera għall-bidla li saret fil-Behaviour Policy tal-iskola. Ġona kellu l-biċċa xogħol li jxandar il-Kelma t’Alla, li nistgħu nqisuha bħala l-Behaviour Policy għal Ninwe` u jistieden lin-nies ta’ din il-belt biex jibdlu ħajjithom. Iżda Ġona mar eżatt lejn in-naħa l-oħra fil-belt ta’ Tarsis. Dan jaqbel mal-imġiba ta’ xi studenti meta l-għalliema jgħidulhom ħaġa iżda huma jagħmlu eżatt bil-kontra. Meta Ġona kien fuq il-ġifen li kellu jieħdu lejn Tarsis, tqum maltempata u l-baħrin jindunaw li ma kinitx maltempata normali iżda sinjal li Alla mhux kuntent. Meta huma qatgħu x-xorti biex jaraw ta’ min kien it-tort, Ġona jammetti li ma obdiex lil Alla. Għalhekk huma jixħtuh il-baħar u l-maltempata tikkalma. Hawnhekk, Dun Mark stieden lil kulħadd sabiex jimxi fid-direzzjoni li Alla jrid minna, billi nagħrfu x’jixtieq Alla minna – staff u studenti – u nieħdu lopportunita` biex nagħmlu xogħolna tajjeb. B’hekk kulħadd jikber.

Ġona spiċċa ġol-baħar għax ma qabilx ma’ dak li Alla ried minnu. Il-ħuta li belgħetu ħaditu Ninwe` fejn jerġa’ jisma’ listedina biex imur għand is-sultan u jgħidlu dak li ried Alla. Ġona jobdi, bil-geddum, bħalma ġieli jiġri meta niġu biex nagħmlu xogħolna, imma nagħmluh biex ma naqilgħux il-konsegwenza. Għall-kelma ta’ Ġona, is-sultan jordna lil kulħadd biex ħadd ma jiekol matul il-ġurnata biex jirriflettu x’qed jagħmlu ħażin. Dan jixbah ħafna meta xi kultant ningħataw time-out sabiex naħsbu fuq l-azzjonijiet tagħna.

Il-pajjiż inbidel, iżda min xandar għall-indiema, Ġona, ma nbidilx, anzi, beda jgerger għax Alla ħanin wisq. Lil Alla jgħidlu, “Għalhekk jien ma ridtx niġi hawn għax kont naf li ser taħfrilhom.” U jista’ jkun li aħna wkoll nibżgħu nagħmlu xi ħaġa tajba għax jekk nagħmluha aħna ma nibqgħux importanti, ma nibqgħux nagħmlu ħoss.

Ġona, bil-geddum u n-nervi jerġa’ jibda sejjer lura lejn pajjiżu. Hemmhekk isib siġra u jorqod għad-dell tagħha. Alla, iżda jibgħat dudu li jiekol iz-zokk ta’ din is-siġra u s-siġra tmut. Hawnhekk Ġona jibda jirrabja għax wara tant taħbit li għadda minnu, kien qed jistrieħ taħt din is-siġra, u s-siġra tmut ukoll. Alla jwieġbu li jekk Ġona kien qed jiddispjaċih għal din is-siġra, kemm iktar Hu bħala Alla kellu jħoss għall-poplu kollu. Hawn Dun Mark insista li Alla qed jitlob minna din l-attitudni li ninbidlu. Stieden lil kulħadd sabiex fil-bidu ta’ din is-sena naraw fiex ser ninbidlu għaliex tkun ħasra li jerġa’ jasal Ġunju u nkunu għadna l-istess. Hawnhekk saret referenza għat-tema ta’ din is-sena, “Inkunu ġenerużi! Tħallihx jistenna!” U lil min qed inħalli jistenna? Jista’ jkun għalliem li qed jistenna biex jibda l-lezzjoni, jew sieħbi li qed intellfu milli jsegwi l-lezzjoni. Jista’ jkun xi ħadd li qed jistennieni ngħaddilu kelma ta’ ġid jew qiegħed jistenna biex jilgħab miegħi. Jista’ jkun li xi ħadd id-dar qed jistenna l-“grazzi” ta’ dak li nkun sibt lest. Jista’ jkun li Alla qed jistennieni biex nirranġa xi difett. Ma nħalluhx jistenna. Fl-Evanġelju smajna: ‘kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi’ Dan il-kliem irridu nwettquh ma’ dawk ta’ madwarna. Jalla l-Mulej jagħtina l-grazzja li nkunu sensittivi għal xulxin u mhux bħal Ġona li jirċievi stedina mingħand Alla u jwarrabha. Allaħares inkunu bħal Ġona u naraw lil Alla jibdel lil ta’ madwarna u nagħmlu n-nervi. Allaħares inkun bħal Ġona u ma nħallix lil Alla jibdilni.

Il-quddiesa ntemmet billi Dun Mark talab il-barka t’Alla fuq il-komunita` tal-iskola.