Awstralja 2019

minn Ms Marion Mallia Rapinett

X’esperjenza! Żgur li m’aħna ħa ninsewha qatt.  Ikolli nammetti li għall-bidu, il-fatt li flimkien mar-raġel u mat-tifel konna se mmorru l-Awstralja, ġabitli ħafna friefet fl-istonku, speċjalment meta bdejt nirrealizza d-distanzi twal u s-sigħat twal li kellna nagħmlu fuq l-ajruplan.  Iva, ma kinitx faċli, pero` b’sodisfazzjon ikolli ngħid li rnexxielna.

Wasalna l-Awstralja għajjiena mejta iżda mill-ewwel il-membri tal-komunita’ Servants of Jesus laqgħuna b’ħafna entużjażmu.  Qabel tlaqna kellna diġa’ idea tal-affarijiet li konna se nagħmlu, għalhekk konna nafu li ħa jkollna esperjenzi spiritwali u anki esperjenzi oħra fejn stajna nżuru diversi postijiet f’dan il-pajjiż straordinarju.  U fil-fatt hekk ġara.

Żorna ċ-ċentru fejn jattendu l-membri tas-Servants of Jesus.  Jiena kont impressjonata biċ-ċentru armat għall-bżonnijiet kollha u bl-ammont ta’ ħaddiema li jaħdmu hemm.  Madankollu, il-membri mill-ewwel qalulna li sfortunatament m’għandhomx qassisin regolari biex jiċċelebraw l-Ewkaristija u għalhekk il-fatt li kien se jkun hemm Fr. Mark u Fr. Stephen fil-perjodu tal-Għid, kienet grazzja kbira.  Fil-fatt, għalkemm konna ’l bogħod ħafna minn pajjiżna, xorta ċċelebrajna l-attivitajiet kollha reliġjużi marbutin maż-żmien tal-Għid. Kellna wkoll ix-xorti li xi membri tal-komunita` jitolbu fuqna l-Maltin. Jien għalija din kienet esperjenza li qatt ma kont għaddejt minnha qabel u hija xi ħaġa li se tibqa’ ttimbrata f’moħħi u f’qalbi.

Ovvjament, l-Awstraljani għamlu ħilithom kollha biex juruna l-iktar postijiet u siti importanti assoċjati ma’ pajjiżhom.  Is-Sydney Opera House, Manly Beach, Watson’s Bay, Blue Mountains huma xi wħud mill-postijiet li żorna. Kellna wkoll ix-xorti li l-għada tal-festa tal-Għid, inżuru Easter Show li jsir b’mod annwali fl-Olympic Arena, fejn kienu saru l-Olympic Games. Hawnhekk, barra li kien hemm diversi attivitajiet, rajna wkoll diversi affarijiet assoċjati mal-kultura Awstraljana.  Jien żgur ser nibqa’ niftakar ix-xena tal-flieles ifaqqsu minn ġol-bajd u l-għeluq straordinarju ta’ dan ix-xow.

Ħaġa impressjonanti kienet il-fatt li kull fejn morna ltqajna ma’ Maltin li ilhom snin twal jgħixu l-Awstralja iżda lil Malta u l-lingwa tagħna għadha f’qalbhom.  Li missejna l-koala u lgħabna u tmajna l-kangaru` żgur ukoll ser tibqa’ f’moħħna. Għalkemm ma rnexxilniex inġibu lura Malta la kangaru` u lanqas koala, żgur li ġibna l-esperjenzi kollha li għaddejna minnhom, kemm dawk spiritwali li għaqqduna bħala familja u anki mal-kollegi tiegħi tax-xogħol, kif ukoll dawk il-ġrajjiet li għaddejna minnhom f’diversi siti impressjonanti ġo dan il-pajjiż meraviljuż.  Tgħid ikollna ċ-ċans li nerġgħu mmorru? F’idejn il-Mulej li nirringrazzjawh ta’ kull sekonda li għaddejna minnha.