press release maħruġa mid-DOI
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri żaru s-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, fl-okkażjoni li l-Ministeru sponsorja tliet studenti u żewġ għalliema mill-istess seminarju sabiex jattendu għal konferenza barra minn xtutna fl-Islovakkja dwar iż-żamma it-trobbija tan-naħal.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħabbar li se jgħin lis-Seminarju biex ikunu provduti xehdiet tan-naħal (beehives) u biex l-istudenti li jixtiequ jkomplu l-istudju tagħhom f’dan il-qasam, ikunu jistgħu jagħmlu dan mhux biss bit-teorija imma bil-prattika wkoll. Huwa spjega li, “l-għan tagħna huwa wara kollox li t-tfal sa minn età żgħira jibdew jingħataw għarfien dwar il-ħajja u l-imġiba tan-naħal, l-importanza tan-naħal fin-natura, il-konservazzjoni tagħhom u l-produzzjoni tal-għasel.”

Waqt l-istess attività huwa ħabbar il-ħames simpożju internazzjonali fuq il-prodott li jipproduċi n-naħal, li se jsir proprju f’pajjiżna nhar l-Erbgħa li ġej, 8 ta’ Mejju. Is-Segretarju Parlamentari spjega kif Malta hija l-post ideali għaliex l-istorja u l-kultura tal-gżejjer Maltin minn dejjem kienu marbuta mal-apikultura. Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri elabora li hu ta’ sodisfazzjon għalih li f’din il-laqgħa globali li se ssir f’pajjiżna se jkunu qed jiltaqgħu xjentisti, riċerkaturi u beekeepers li qegħdin fil-qasam tal-produzzjoni tal-għasel u l-apikultura sabiex jiddiskutu u jaqsmu l-għarfien tagħhom. Min-naħa tiegħu l-Ministu Herrera stqarr kif, “aħna konxji wkoll tal-problemi li l-apikultura qed tiffaċja madwar id-dinja u t-tnaqqis riċenti fin-numru ta’ beehives mad-dinja kollha huwa pjuttost inkwetanti. Huwa għalhekk li matul din il-laqgħa se jiġu diskussi kwistjonijiet relatati ma’ din il-problema.”
Is-Surmast tas-Seminarju tal-Arċisqof, Dun Mark Ellul, irringrazzja lill-gvern ta’ din l-opportunità li se jgawdu minnha l-istudenti tal-iskola. Huwa spjega li s-sengħa tat-trobbija tan-naħal tikkumplimenta t-tagħlim li jirċievu l-istudenti fis-suġġett tal-agribusiness li jiġi mgħallem fl-iskola. Kemm il-Ministru Herrera kif ukoll is-Segretarju Parlamentari awguraw li permezz tas-simpożju se jkunu jistgħu jinkisbu għarfien u esperjenzi ġodda, u qalu li jittamaw li jkun hemm aktar konnessjonijiet akkademiċi biex tkompli tespandi r-riċerka
Ħajr lil ONE Productions għall-filmat f’dan il-link: