Kitba Kreattiva – Dakinhar kont ħadt l-ikbar qatgħa ta’ ħajti

minn Tylon Camilleri year 9

Dakinhar kont ħadt l-ikbar qatgħa ta’ ħajti. Kien il-Ħadd, is-sema kienet bis-sħab. Jien u sieħbi konna ftehmna li noħorġu fl-għaxra ta’ filgħodu. Meta jien u sieħbi ltqajna, ftehmna li mmorru f’dik il-lukanda abbundata fiż-Żurrieq li kien ilha żmien tberren f’moħħi biex nidħol fiha.

Kif wasalna, it-tnejn li aħna bdejn nibżgħu nidħlu. Jien ġo moħħi beda ġej il-kliem li kienet tgħidli ommi fuq il-lukanda; li kemm jista’ jkun ma nersaqx ’l hemm. Madwar il-lukanda ma kienx hemm bini. Il-lukanda kienet imdawra bl-għelieqi u bi ċnut għoljin. Aħna sibna toqba u dħalna ġo fiha u ġejna mal-bini tal-lukanda. Kien hemm ħaxix għoli mad-dawra kollha tal-lukanda. Bibien u twieqi ma kienx hemm u minflok kienu magħluqa bil-ġebel. Il-bini tal-lukanda kien mimli kollu graffiti. Aħna u mexjin rajna fetħa żgħira u dħalna minnha għal ġol-lukanda.

Dħalna ġo kamra kbira li mas-saqaf tagħha kellha ħafna friefet il-lejl reqdin. Għadni niftakar sal-lum il-ġurnata kif kienu mqabdin mas-saqaf rashom ’l isfel. Għaddejna ngħaġġlu minn ġo dik il-kamra u ġejna ġo kuritur twil li kellu ħafna kmamar fuq kull naħa. Aħna dħalna ġo xi kmamar li kienu mimlijin ħmieġ u niftakar li anke ġrieden ħajjin u mejtin rajna. Aħna u mexjin xammejna rwejjaħ qawwija ħafna, riżultat tal-ġrieden li kien hemm mejtin. Niftakar li l-ħitan ta’ ġewwa kienu mimlija kollha graffiti.

Wasalna f’tarf il-kuritur u kien hemm taraġ jagħti għas-sular ta’ fuq nofsu mwaqqa’ u taraġ ieħor jagħti għal ġol-kantina. Aħna nżilna ġol-kantina u mill-bogħod bdejna nisimgħu ħsejjes starmbi. Lanqas ilħaqna dorna lura li ma ġiex fatat bejni u bejn sieħbi. Dak il-ħin ħassejt li qalbi riedet toħroġ minn ġo sidri u ma stajtx nitkellem. Innutajt li lanqas sieħbi ma kellu kliem sabiex jesprimi ruħu, madankollu t-tnejn li aħna qbadna niġru b’kemm saħħa kellna lejn darna mingħajr ma ħarisna lura.

Kif dħalt id-dar, ommi mill-ewwel indunat li kien ġrali xi ħaġa għax ratni imbeżża’. Jien lil ommi għidtilha fejn kont mort u għidtilha wkoll li kellha raġun meta qaltli biex ma nersaqx ’l hemm. It-tagħlima li ħadt ċertament li mhu ser ninsiha qatt.