
minn Jake Attard, Year 7, rebbieħ tal-kompetizzjoni
Għall-kompetizzjoni tal-Arti bit-tema tal-motto tal-iskola ‘Grazzi Sinjur Alla, Aħfirli Sinjur Alla’, l-ewwel ħaġa li għamilt kienet li staqsejt lili nnifsi għalfejn lil Alla ta’ kuljum ngħidlulu grazzi u għalfejn ngħidulu jaħfrilna. Lil Alla ngħidulu grazzi għal ħafna affarijiet fosthom tal-imħabba u r-rispett li nsibu mingħand il-familjari u l ħbieb tagħna, ngħidulu grazzi tal-ambjent li tana madwarna, speċjalment tan-natura sabiħa, tal-annimali, tal-baħar u tal-ħlejjaq kollha li jgħixu fih, ngħidulu grazzi li jipprovdilna l-ikel bnin u x-xorb ta’ kuljum biex ngħixu b’saħħitna.
Minn naħa l-oħra, nitolbuh sabiex jaħfrilna meta nonqsu lejn xi membru tal-familja jew ħbieb, meta nweġgħu lil xi ħadd jew għal xi raġuni nwarbuh. Meta naħlu l-ikel anke meta nafu li hemm nies qed imutu bil-ġuħ. Nitolbuh maħfra meta ma nieħdux ħsieb tal-ambjent ta’ madwarna u ħafna aktar. Dawn il-ħsibijiet kolla ppruvajt nespremihom permezz ta’ din it-tpinġija. L-id fin-nofs tat-tpinġija tirrapreżenta l-id ta’ Ġesu li hu dejjem b’idejh miftuħa għalina, lest li jilqa l-grazzi tagħna u anke lest biex jaħfrilna. Din it-tpenġija ħaditli ftit tal-ħin mhux ħazin biex lestejta imma ħadt gost ħafna nagħmila għax l-Arti għalija hija mod ta’ kif nesprimi ruħi u fl-istess ħin nirrilassa. Barra minn hekk, ippruvajt inwassal il-messaġġ bl-aħjar mod. Bħala kuluri użajt lapsijiet Aquarells.