Ħarsa lura…parteċipazzjoni fil-Festa taċ-Ċitru 2020

Minn Zacharias Micallef Ghigo, l-Għaxar Sena

Is-sena l-oħra, fl-14 ta’ Jannar, tfal mid-disa’ sena (li bħalissa huma fl-għaxar sena) akkumpanjati mill-Assistant Head Ms.Elaine Gerada Gatt u mid-Deputy Head Mr.Gordon Baldacchino marru fil-Palazz tal-President biex jgħinu fil-ġbir tal-larinġ għall-festa taċ-Ċitru. Wara l-ewwel lezzjoni, tlaqna sal-Palazz u malli wasalna, ġejna milqugħa u spjegawlna x’kellna nagħmlu. Imbagħad, it-tfal inqasmu f’pari jew fi gruppi ta’ tlieta u marru jġibu l-qfief biex il-larinġ ipoġġuh ġo fihom. Min kien qed jaħdem hemm qalilna li bejn wieħed u ieħor, hemm xi 300 siġra tal-larinġ fil-ġnien. Wara sagħtejn xogħol volontarjat, konna lesti. Ħadna ritratt biex niftakru f’din l-esperjenza u imbagħad naddafna idejna u kien hemm min naddaf iż-żarbun biex ma nħamġu imkien. L-istaff tawna l-ikel  u anki tazza larinġ mill-larinġ li ġbarna aħna stess. Kollox kien vera tajjeb. Sfortunatament, il-President Ġorġ Vella kien impenjat wisq biex jarana, imma tawna rigal bil-firma tiegħu fuqu. Filwaqt li konna grati lejn l-istaff kollu, kien hemm min qal li ħa gost iżjed meta kien qed jgħin milli meta tawh ir-rigal. Għax kif jgħid l-Ingliż, ‘’There is more joy in giving than receiving.’’