L-isbaħ rigal

minn Fr. Stephen Magro – Chaplain

Meta jibda joqrob il-Milied, ilkoll nibdew ninkwetaw xi ftit dwar ir-rigali li nixtiequ nagħtu. Lil dawk li huma għeżież għalina nkunu nixtiequ li nagħtuhom rigal li japprezzaw. Xi snin ilu kont rajt reklam interessanti fejn  missier xtaq jagħti l-isbaħ rigal lill-martu u lill-uliedu. Kien ħalla ftit għall-aħħar u għalhekk lejlet il-Milied mar jiġri minn post għall-ieħor biex jipprova jixtri l-isbaħ rigali. Imma x’ħin tard filgħaxija wasal id-dar u sab lil kulħadd rieqed irrealizza li l-isbaħ rigal li dejjem xtaqu u riedu l-membri tal-familja tiegħu kien hu stess; lilu nnifsu! Martu u wliedu, lilu xtaqu, ħin miegħu biex jitkellmu u jilagħbu flimkien. Dak li rrealliza dan il-missier hu dak li diġa’ uriena Alla fl-ewwel Milied. Dakinhar f’Betlem, Alla ma bagħatilniex rigal, oġġett li jispiċċa, imma Alla sar bniedem bħalna għax kien jaf li Hu stess hu l-isbaħ rigal. Nawguralkom li f’dan il-Milied ssibu ħin biex tkunu ma’ Ġesu Bambin, Alla li sar bniedem għalina. Nawguralkom li dan il-Milied tkunu rigal għal xulxin, billi ssibu ħin għall-membri tal-familji tagħkom. Dan hu l-isbaħ rigal li tistgħu tagħtu lil xulxin!