“Ħolma Kerha li Kelli” – kitba kreattiva

kitba ta’ Zack Lathey, 7 Romero

Ix-xemx kienet niżlet u kien sar il-ħin biex norqod. Kienet ġurnata diffiċli b’ħafna xogħol li kelli nagħmel. Kont għajjien mejjet u għalhekk dħalt fis-sodda biex norqod. Mal-ewwel marret għajni bija.

F’daqqa waħda smajt ħoss stramb li kien ġej minn barra. Ħsibt li kienet ix-xita ttektek fuq it-twieqi. Imbagħad smajt ħoss ta’ ċwievet fil-bieb. Jien ħsibt li kien il-papà li kien ġie tard mix-xogħol. Għalhekk, meta smajt il-passi fil-kuritur, bdejt ngħajjatlu. Fil-pront smajt lil mamà twerżaq. Qomt niġri mis-sodda u xgħelt id-dawl biex nara x’kien qed jiġri.

Rajt raġel liebes iswed b’wiċċu mgħotti. Dak il-ħin ħadt xokk kbir. Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel. Dan ir-raġel beda jiġri warajja. Ħassejtni mbeżża’ u qalbi bdiet tħabbat sitta sitta. Il-mamà kompliet twerżaq u tgħajjat. Il-papà qabad il-mowbajl u beda jċempel. Sadanittant wasalt fejn il-bieb ta’ barra u l-ħalliel kien għadu ġej għalija. Ippruvajt niftaħ il-bieb imma kien imsakkar, u dort lura. Il-ħalliel kellu siġġu f’idu u kien ġej warajja.

F’daqqa waħda smajt lill-mamà tgħajjatli. Għall-ewwel smajtha fil-bogħod iżda mbagħad smajt ismi aktar ċar. Kif ftaħt għajnejja indunajt li kienet il-mamà tgħajjatli biex inqum għall-iskola. Ħadt ir-ruħ. Din ma kienet xejn għajr ħolma kerha ħafna.