Is-Sabiħ tal-Ħajja

minn Ms. Dorianne Cassar, Lay Assistant Chaplian

Il-ħajja sabiħa! Imma xi jgħid minn hu f’xi qiegħ ta’ xi sodda? Jew qatt ma ra d-dawl ta’ barra; jew ma jafx ħlief mrar – għax il-ħajja dejjem tagħtu fuq wiċċu? Kif tista’ tgħid li l-ħajja sabiħa dik il-mara li tilfet lit-tarbija tagħha – jew inkella dak it-tifel li tilef l’ommu? Imma minkejja dan in-niket kollu li l-ħajja taf iddewaqna, xorta waħda nistgħu ngħidu li l-ħajja fiha s-sabiħ tagħha. Għax il-ħajja bħar-rota – idur – daqqa ‘l fuq u daqqa ‘l isfel. U meta anke insibu ruħna f’mumenti iebsa u xejn feliċi, nitolbu biex ma niġġarfux – biex inkomplu għaddejjin sodi – biex anke f’dawn il-mumenti nkomplu naraw xi xaqq ta’ dawl – li ikisser id-dalma.

Kulħadd jgħaddi minn dawn il-mumenti koroh – li tkun tixtieq li ma jgħaddi minnhom ħadd! Anke f’dawn il-mumenti il-ħajja taf tkun sabiħa speċjalment meta il-bniedem jiddeċiedi li jissieħeb ma’ Alla f’din l-avventura ta’ ħajtu – għaliex Alla biss hu dak li jagħtina t-tama meta nkunu tlifna kull tama – dak li jagħtina d-dawl meta aħna nkunu fid-dlam – dak li jibqa’ dejjem magħna anke meta kulħadd ikun bewweġ l’hemm.

Kien għalhekk li Alla bagħat lil Ibnu għax qatt ma ħamel li l-bniedem ibati – u ħa fuqu t-toqol tagħna biex jaħjina – u hekk għadu jagħmel sal-ġurnata tal-llum. Alla għadu jagħmel ħiltu kollha biex jeħlisna minn dak kollu li lilna jkiddna u nnikitna – imma ħafna mid-drabi għandu bżonn lil kull wieħed u waħda minnha biex jista’ jagħmel dan kollu. Alla jrid ikompli jasal għand min hu batut u msejken permezz tagħna. Għalhekk ejja nitolbu l’Alla biex ikompli jgħinna nitqanqlu għal dawk li huma fil-bżonn u hekk il-ħajja tkun tassew isbaħ u aħjar.