Kemm hu aħjar l-iskola!

minn Jake Joseph Zarb, 8 Woytila

Matul ix-xhur li għaddew aħna l-istudenti u l-għalliema esperjenzajna mod ġdid ta’ kif isir it-tagħlim. Minħabba l-pandemija kien hemm ġranet fejn kellna noqogħdu d-dar u l-lezzjonijiet isiru online. Imma meta t-tagħlim isir l-iskola, ngħid għalija, huwa ħafna aħjar! Meta nkun l-iskola l-atmosfera hija kompletament differenti. Forsi veru li meta t-tagħlim isir online, dak li jkun, ikun iktar komdu, imma fl-opinjoni tiegħi, inħossni nitgħallem iktar l-iskola. Il-fatt li hemm il-preżenza tal-għalliema u ta’ sħabi, lili tgħinni noqgħod attent iktar. Id-dar jista’ jkun hemm ħafna distrazzjonijiet – daqqa l-għasafar iwerżqu iktar milli jpespsu… u nammetti li t-tentazzjoni li nilgħab xi logħba minflok noqgħod attent għal-lezzjoni, ġieli kienet hemm ukoll. Aktar minn hekk, meta nkun l-iskola għandi ċans niltaqa’ mal-ħbieb, u mill-esperjenza tiegħi, meta nitkellem u nkun magħhom fiżikament inkun nista’ nesprimi ruħi aħjar u nieħu iktar gost.