Fil-Bidu tal-Erbgħin Jum…

Riflessjoni fil-Bidu tar-Randan
miċ-Chapliancy Team

Fil-bidu tar-Randan, il-Knisja tippreżentalna l-qari mill-ktieb tal-Profeta Ġoel, li fih Alla, permezz tal-profeta, ikellem lill-poplu u jgħid: “Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha… Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom, u erġgħu duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom, għax hu twajjeb u ħanin” (Ġoel 2, 12-13).

Dal-kliem li nisimgħu kull sena, eluf ta’ snin wara li ħareġ minn fomm il-profeta, juri x-xewqa li għandu Alla għal bniedem ta’ kull żmien. Alla jixtieq bidla tal-qalb – bidla minn ġewwa – u mhux bidla fil-libsa –  fil-qoxra ta’ barra, bidla superfiċjali ta’ dak li jidher biss. Il-bidliet fl-għemil u l-imġiba tagħna jkunu bidliet awtentiċi jekk ikunu frott tal-bidla ġewwinija: bidla fil-mod kif naħsbu u nħarsu lejn l-affarijiet u l-persuni u ċ-ċirkostanzi ta’ madwarna.

Din il-bidla minn ġewwa tissarraf f’qalb li tiċċarrat biex tħobb mingħajr ma tħares lejn uċuh; qalb li tiċċarrat biex tagħti mill-ħin tagħha għall-oħrajn u mingħajr ma tippretendi xejn lura; qalb li tiċċarrat u tinfetaħ biex tisma’ u tifhem lill-oħrajn mingħajr ma tgħaddi ġudizzju; qalb li forsi tiċċarrat malajr, għax sensittiva u tħoss għall-oħrajn; qalb li tiċċarrat biex tilqa’ fiha lil kulħadd, bħall-missier tal-parabbola tal-iben il-ħali.

Fil-ktieb tiegħu The Return of the Prodigal Son, Henri J. Nouwen jirrifletti fuq il-pittura ta’ Rembrandt li turi lill-missier iħaddan miegħu lill-iben li ‘berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra’ (Luqa 15, 13). L-awtur jikteb dwar kif f’ħajtu jaqbad lilu innifsu jixbah xi drabi lill-iben iż-żgħir li telaq mid-dar tal-missier; xi drabi jkun bħall-iben il-kbir li ma aċċettax lil ħuh meta wasal lura. Filwaqt li n-nisrani għandu jirrikonoxxi l-iben il-kbir u l-iben iż-żgħir ta’ ġo fih, Nouwen jikteb li s-sejħa tagħna hija dik li nsiru nixbhu lill-Missier, li qalbu kienet miftuħa – imċarrta – biżżejjed biex tilqa’ fiha liż-żewġ uliedu.

Ir-Randan huwa żmien li kull sena jfakkarna f’din is-sejħa… li nkunu perfetti bħal ma hu perfett Missierna li hu fis-smewwiet (Mattew 5, 48). U liema hi l-qalb perfetta? Hija l-qalb tqattar id-demm, forsi muġugħa, għax imċarrta għall-oħrajn.