In-Nawfraġju

Mument ta’ Talb fil-Festa ta’ San Pawl

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (27, 14-15.21-25)

F’daqqa waħda qam riefnu qawwi, jgħidulu Grigal, u beda jonfoħ min-naħa tal-gżira. Il-ġifen inqabad u ma setax iżomm kontra r-riħ; u aħna ntlaqna għall-qawwa tar-riħ u ħallejnieh iġorrna. In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom mhu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.’ Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.”

Ħsieb

Fi triqtu lejn Ruma, Pawlu kellu jgħaddi mill-esperjenza tan-nawfraġju li wasslu biex jirfes fuq il-gżira tagħna. Dan il-vjaġġ ma kienx wieħed ippjanat minnu bl-intenzjoni li jgħallem u jwaqqaf komunità Nisranija, bħal vjaġġi oħra li għamel. F’dan il-vjaġġ Pawlu kien arrestat, sejjer Ruma biex jiġi ġġudikat hemm. Anzi, Pawlu kien tal-parir li dan il-vjaġġ ma jsirx għax kien jaf li ż-żmien li kienu qegħdin fih ma kienx perjodu li wieħed għandu jivjaġġa minħabba l-maltemp li seta’ jinqala’. Imma ċ-ċenturjun sema’ mill-kaptan u minn sid il-ġifen, u telqu xorta.

X’kien li wassal lil ġifen li fuqu kien hemm Pawlu biex jaħbat ma’ sikka qrib gżiritna? Il-kliem tal-anġlu li deher lil Pawlu jurina kif f’dan kollu li deher bħala kumbinazzjoni, Alla kien qed jaħdem. Alla inqeda bir-ras iebsa tal-kaptan biex mar kontra x-xewqa u l-parir ta’ Pawlu stess u inqeda bir-riħ mill-Grigal u l-maltemp u bit-traġedja tan-nawfraġju biex wassal lil Pawlu fostna. L-anġlu stess qal lil Pawlu li kien jeħtieġ – hemm bżonn – li jaħbtu ma’ gżira.

Alla jinqeda mhux biss b’dak li nixtiequ jew jogħġob lilna, imma anki b’dak li nippruvaw naħarbu minnu u ma nixtiqux biex jagħmilna bnedmin aħjar. Kull sitwazzjoni ta’ ħajjitna tista’ tkun bżonn għal Alla biex ikabbarna. Dun Ġorġ Preca kien jgħid li xejn ma jiġri bl-addoċċ. Dak kollu li ngħaddu minnu, għandu dejjem skop akbar.

Naħsbu u Nirriflettu

  • Nemmen li xejn ma jiġri bl-addoċċ? Li dak kollu li ngħaddi minnu hemm skop akbar li għalih ikun qed jiġri f’ħajti?
  • Inkun attent biex f’dak kollu li ngħaddi minnu u nisma’, nipprova nara u nifhem Alla x’jixtieq jgħidli?

Talba

Mulej Ġesù, għinni nagħraf l-id moħbija tiegħek f’dak kollu li ngħaddi minnu fil-ħajja tiegħi. Għinni nifhem xi jfisser il-kliem ‘xejn ma jiġri bl-addoċċ’ u nara kif inti tixtieq nikber minn kull esperjenza li jiena ngħix.