Il-Konverżjoni

Tħejjija għall-Festa ta’ San Pawl (1)

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (9, 3-9.17-19)

Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa’ fl-art, u sama’ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” Hu wieġeb: “Min int, Mulej?” u l-leħen wieġbu: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel.” Dawk li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma, billi kienu semgħu l-leħen imma ma raw lil ħadd. Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma sata’ jara xejn. Imbagħad mexxewh minn idu u wassluh Damasku. Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob. Ħananija telaq lejn id-dar ta’ Ġuda, daħal, qiegħed idejh fuq Sawl u qallu: “Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù, li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħatni biex terġa’ tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu.” F’daqqa waħda waqa’ bħal qxur minn għajnejh u raġa’ beda jara. Imbagħad qam u tgħammed, kiel xi ħaġa, u ħa r-ruħ.

Ħsieb

Il-kelma konverżjoni ġejja minn kelma Griega li tfisser bidla fil-mod kif taħseb. Mhix bidla superfiċjali, ta’ dak li jidher minn barra. Fil-konverżjoni, il-persuna mhux tbiddel xi ħaġa ’l barra minna, imma tinbidel hi minn ġewwa – il-mod kif taħseb, l-attitudni, il-mod kif tara l-affarijiet u ċ-ċirkostanzi ta’ madwarha. Meta Pawlu reġa’ fetaħ għajnejh, beda jara l-affarijiet bil-mod kif jarahom Alla, jaħseb bil-mod kif jaħseb Alla. Din il-bidla li ġarrab Pawlu minn ġewwa, imbagħad, irriflettiet ruħha fuq barra, fil-mod kif beda jitkellem u fil-mod kif beda jaġixxi. Kien dan il-mument ta’ konverżjoni li eventwalment wassal lil Pawlu biex jivjaġġa kilometri sħaħ u jdur minn pajjiż għall-ieħor jgħallem u jgħammed lin-nies.

Għalkemm aħna lkoll mgħammdin u nissejħu Insara, aħna wkoll imsejħin biex kontinwament ninbidlu minn ġewwa. Kull sitwazzjoni li ngħaddu minnha, sew sabiħa u anki kerha – bħal dak li għadda minnu Pawlu – tista’ tkun għalina mument ta’ konverżjoni, għax permezz tagħha nitgħallmu nħarsu lejn l-affarijiet b’mod differenti. Kull ċirkostanza fil-ħajja tagħna tista’ tagħmilna żgħażagħ u bnedmin iktar sħaħ li nħarsu lejn l-oħrajn u lejn ħajjitna, bl-istess mod li bih iħares Alla.

Naħsbu u Nirriflettu

  • X’inhuma l-affarijiet f’ħajti li hemm bżonn ninbidel fihom?
  • Inħoss li l-bidla fl-imġiba jew fid-diskors tiegħi, teħtieġ bidla iktar profonda… bidla fil-mod kif inħares lejn ta’ madwari u bidla fil-mod kif naħseb?

Talba

Mulej Ġesù, għinni nagħraf x’inhuma l-konverżjonijiet li jien neħtieġ nagħmel f’ħajti, biex kull ma jmur, iktar insir persuna li tixbah lilek: b’qalb li tħobb kif tħobb int, għajnejn li jħarsu lejn in-nies u ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjitna bl-istess mod kif tħares lejhom int, b’moħħ li jaħseb kif taħseb int.