Il-Milied kontra l-Corona?

messaġġ tal-Milied mic-Chapliancy

Żmien il-Milied huwa dejjem żmien speċjali u għal ħafna nies, dan iż-żmien għandu tifsiriet differenti. Iżda naħseb li lkoll naqblu li l-Milied ta’ din is-sena ser ikun wieħed differenti.

Il-Milied ser inkunu qed niċċelebrawh fi tmiem ta’ sena li matulha qed ngħixu pandemija. Il-kliem distanza soċjali, ħasil tal-idejn u lbies ta’ maskri daħlu sew fil-vokabolarju tagħna u ser nibqgħu nisimgħuhom jiġu rripetuti anki fix-xhur li ġejjin. Iżda jekk toqgħod taħseb ftit, il-Milied hija festa li fiha Alla jmur kontra dawn it-tliet frażijiet! Kif?

Fil-Milied, niċċelebraw il-verità li Alla sar bniedem, Alla sar wieħed minna. Jekk Alla qatt kien ’il bogħod, bil-miġja tiegħu fid-dinja huwa mar kontra d-distanza soċjali u ġie aktar qrib tagħna, għex magħna. Hu ma qagħadx jinkwieta li jidħol fi djarna. Hu “għammar fostna” (Ġw 1: 14).

Meta sar bniedem, Ġesù kien bħalna f’kollox. Mess mal-ferħ, mat-tbatijiet, mas-sabiħ u mal-ikrah tal-ħajja tal-bniedem. Min jaf idejh kemm messew morda, ixxuttaw dmugħ, ikkunslaw id-dwejjaq u refgħu nies mit-tbatijiet tagħhom. Ġesù ma tqażżisx min-nuqqasijiet tagħna iżda ċappas idejh bihom sabiex aħna jkollna l-ħajja.

Ġesù huwa l-wiċċ ta’ Alla magħmul bniedem. Bit-twelid tiegħu aħna sirna nafu aħjar min hu Alla. Bħal donnu l-maskra li kienet tgħatti l-wiċċ ta’ Alla issa tneħħiet. Dan Alla għamlu sabiex aħna nkunu nistgħu nibdew ħbiberija miegħu, wara li hu kien ilu jħobbna sa minn dejjem. Lilna jafna sew kif aħna u l-ebda maskra ma tista’ taħbina minnu.

Għalhekk, f’dan iż-żmien tal-pandemija, ejjew inkomplu nindunaw li għalkemm din is-sena mhux bħas-soltu, fil-Milied għandna tassew x’niċċelebraw! Ejjew insibu ħin sabiex noqogħdu għal ftit waqtiet quddiem il-Bambin Ġesù u fis-skiet niggustaw lil dan Alla li ma jħalliniex waħedna, iżda huwa dejjem magħna, jifraħ magħna u jibki magħna, huwa t-tama tagħna. Dan hu Alla Magħna – Emmanuel! 

Nawgurawlkom Milied qaddis!