It-Tama f’Ġesu’

Riflessjoni għar-Raba’ Ħadd tal-Avvent, imħejjija mit-Tim tal-Liturġija

Ħsieb

F’dawn l-aħħar xhur it-tama ta’ ħafna minna poġġejniha fix-xjentisti li kienu qed jirriċerkaw sabiex jinstab vaċċin effettiv kontra l-COVID-19. Meta f’dawn l-aħħar ġimgħat bdew jitħabbru r-riżultati ta’ ċerti studji, ilkoll imtlejna bit-tama li din il-pandemija tista’ u waslet biex tibda tingħeleb, u lkoll bdejna naraw dawl ċkejken ta’ tama għad nerġgħu lura għan-normalità li konna ngħixu sa sena ilu. L-istennija li jasal dan il-vaċċin kienet kbira, għax hu seta’ jkun element li joħroġna minn dan id-dlam u jneħħi minn ġo fina l-biżà mill-mard, l-ansjetà li nitilfu lil xi ħadd għażiż, serħan il-moħħ lill-ħaddiema li naqsilhom jew saħansitra tilfu x-xogħol, stabbiltà lil min investa u tama lil dawk li dan iż-żmien affettwa s-saħħa mentali tagħhom.

Iż-żmien tal-Avvent huwa wkoll żmien ta’ stennija u tama. Mhix tama f’xi ħaġa, imma hija tama f’persuna. Mhix stennija għal xi ħaġa li se teħodna lura għall-ħajja normali li tant nixtiequ, imma stennija għal persuna li l-ħajja tagħna tista’ tagħmilha aħjar. Jekk il-vaċċin irid ħafna kundizzjonijiet biex jibqa’ effettiv u tajjeb, dak li qed nistennew fl-Avvent, ma jagħmlilna ebda kundizzjoni biex isir parti mill-ħajja tagħna u jibni relazzjoni magħna. Din il-persuna hija Ġesù.

It-tama f’Ġesù, hija tama li npoġġu f’xi ħadd li ma jbatix bil-burdati, li ma jiħux għalih jekk niddubitaw jew inħossuna rrabjati għalih, li nsibuh dejjem maġenbna – fil-ferħ, fid-dwejjaq, fl-ansjetà, fil-biżà, fis-sodisfazzjon, bir-rebħiet u fit-telfiet tal-ħajja tagħna. Hija tama li npoġġu f’persuna li se tibqa’ dejjem hemm! Ejjew matul dan iż-żmien, u matul is-sena l-ġdida, flimkien mal-ħafna tamiet u xewqat li għandna, inpoġġu wkoll t-tama tagħna f’Ġesù, nafdawh iktar u nippruvaw nibnu relazzjoni iktar profonda miegħu.

Naħsbu u Nirriflett

  • Kemm inti konvint li Ġesù lilek jafek u jħobbok kif int u għalhekk ta’ min tafdah u tittama fih?
  • Flimkien ma tant nies li aħna nafdaw u nittamaw fihom, qiegħed tpoġġi t-tama tiegħek ukoll f’Ġesù?
  • X’iżommok milli tafda fih iktar?

Talba

Mulej Ġesù, int li taf x’hemm ġewwa l-qalb u l-moħħ ta’ kull wieħed minna, nitolbuk tilqa’ ix-xewqat u t-tamiet kollha tagħna. Għinna nagħrfu kif nistgħu nibnu relazzjoni miegħek u għallimna xi tfisser li npoġġu t-tama tagħna fik. Anki jekk għadna ma nafux jew ma fihmiex dan kollu xi jfisser eżatt jew kif se nagħmluh, aħna konvinti, Mulej, li inti ma tiddiżappunta qatt lil min jafda fik u jagħmel ħiltu biex iħobbok.