IT-TAMA FIJA NNIFSI

Riflessjoni għat-Tielet Ħadd tal-Avvent, imħejjija mit-Tim tal-Liturġija

Ħsieb

‘Għall-grazzja t’Alla rari nimrad!’ ‘Ftit huma d-drabi li taqbadni uġigħ ta’ ras jew influwenza. Nagħmel jumejn ġewwa u jgħaddili.’ Dawn huma kummenti li ħafna minna jistgħu jgħiduhom. Il-ġisem tiegħi għandu l-antibodies li permezz tagħhom jiġġieled kontra l-mard u viruses li jkun hemm madwari. Tant hu hekk li minkejja li ħaddieħor marad, jien għadni f’saħħti. Dan għaliex ġismi jkun kapaċi jiġġieled dak il-mard. Iktar kemm ikolli healthy lifestyle, iktar insaħħaħ lill-ġisem tiegħi biex meta jiltaqa’ mal-mard, ikun jista’ jirbaħlu. Sfortunatament, jista’ jagħti l-każ li nibda nemmen iżżejjed fija nnifsi. Nibda nabbuża u saħansitra nittraskura dak li nkun ili naħdem għalih. Ma nilbisx il-maskra sew; ma naħsilx idejja ta’ spiss; ma noqgħodx attent meta inkun imdawwar bin-nies. Għax qatt ma mradt, donnu jfisser li qatt ma nista’ nimrad. Minkejja li nisma’ kuljum b’numru kbir ta’ nies li qed jinsabu pożittivi għall-COVID-19, nibqa’ nemmen li jien qatt mhu ser tolqotni. Iżda meta nimrad … id-daqqa tkun kbira!!

Ġurnata wara ġurnata, xahar wara xahar… dħalt f’rutina kif nagħmel l-affarijiet tiegħi. Ġieli neħel jew nitgerfex imma nistaqsi l-għajnuna u nkompli għaddej. F’ħafna affarijiet li nagħmel matul il-ġurnata nħossni li nista’ nfendi għall-rasi. U iktar kemm nikber aktar ninduna li qed insir indipendenti. Niftakar meta kont żgħir, għal kull ħaġa ta’ xejn, kont nitlob l-għajnuna. Illum nista’ ngħid li mmaturajt iktar. U allaħares mhux hekk!

Naf li għandi ċerti kwalitajiet u talenti li permezz tagħhom nista’ mmexxi ’l quddiem. Nagħraf li wasalt fejn qiegħed illum għax kont determinat, għamilt sagrifiċċju u emmint fija nnifsi. Żgur li għad fadalli fejn nikber iktar u nemmen li nista’ nasal għax kapaċi. Bl-Ingliż jgħidu li ‘where there is a will, there is a way’. Jista’ jkun li iktar kemm narani li qed nirnexxi, inqas jgħaddili l-ħsieb li xi darba nista’ nfalli. Nibda nemmen wisq fija nnifsi. Iżda meta nfalli … id-daqqa tkun kbira!!

Importanti ħafna li nemmen fija nnifsi; li nagħraf it-tajjeb li għandi; l-avvanzi li għamilt; is-sodisfazzjon li nħoss meta nirnexxi; ir-riżultat wara tant sagrifiċċji. Iżda fl-istess ħin importanti ukoll li nżomm saqajja mal-art u nagħraf li anke permezz tal-iżbalji nista’ nitgħallem. Bħal kulħadd, għandi wkoll il-limitazzjonijiet u d-difetti tiegħi u xi darba jew oħra ser niżbalja. Minkejja dan nista’ nasal xorta waħda. Dan nista’ nagħmlu bis-saħħa tiegħi u bl-għajnuna li nsib minn ta’ madwari.

Naħsbu u Nirriflettu

  • X’inhuma dawk il-kwalitatjiet li għandek li taħseb li qed jgħinuk biex tirnexxi, anki f’affarijiet żgħar?
  • Qatt ħsibt li mhux ser tiżbalja jew li mhux ser tfalli iżda ġara bil-kontra? Kif ħassejtek?
  • Faċli għalik li titlob l-għajnuna? Li turi lil ħaddieħor li bis-saħħa tiegħek biss ma tistax

Talba

Mulej Ġesù nirringrazzjak li ħlaqtni b’dawk il-kwalitajiet u t-talenti li għandi. Għinni nsostnihom u nħaddimhom għal ġid tiegħi u ta’ dawk ta’ madwari. Iżda fl-aħħar mill-aħħar għinni naċċetta li jien ukoll nista’ niżbalja u nfalli. Għinni nżomm ħarsti fik għax kif kienet tgħid Madre Tereża, ‘God has not called me to be successful. He called me to be faithful.’