It-Tama fl-oħrajn

Riflessjoni għat-Tieni Ħadd tal-Avvent, imħejjija mit-Tim tal-Liturġija

Ħsieb

“Għolliha… ilbisha sew… attent kif tneħħiha… tinsiex teħodha miegħek…” Il-maskra!

Forsi xi kultant, jew ħafna drabi, ddejjaqna, nħossuha se taqtagħlna nifisna, xi drabi ma nkunux nistgħu niftehmu sew meta nitkellmu, min jaf kemm gergirna fuqha! Imma nafu wkoll li permezz tagħha qed nieħdu ħsieb xulxin. Nafu li l-maskra qed twaqqaf ħafna mit-tixrid tal-pandemija. Meta nilbsuha nkunu qed nieħdu ħsieb lilna nfusna u lil xulxin. 

Nistgħu ngħidu għalhekk li t-tama tagħna hija fl-oħrajn, li l-oħrajn ikunu qed jieħdu ħsiebna meta jilbsu l-maskra. F’dawn iż-żminijiet li qed ngħixu fihom, din it-tama fl-oħrajn dehret ukoll fis-solidarjetà ta’ bejnietna…

Dehret fit-tobba u nurses li komplew jieħdu ħsieb persuni bil-COVID-19, anki jekk dan kien ifisser riskju għalihom u għas-saħħa tagħhom u tal-familji tagħhom….

Dehret fl-edukatari tagħna, għalliema, LSEs u oħrajn li kienu kapaċi jaddattaw il-metodi tagħhom biex aħna stajna nibqgħu nitgħallmu…

Dehret f’ħafna ħaddiema li anki f’dawn iż-żminijiet komplew bix-xogħol tagħhom biex ikollna dak li neħtieġu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum…

Dehret f’dawk li ħadu ħafna mill-ħin liberu tagħhom u mill-flus tagħhom, biex ippreparaw u qassmu ikel lil minn kellu diffikultajiet finanzjarji…

Dehret f’min qiegħed iċempel b’mod regolari lin-nanniet tiegħu anzjani li ma jistgħux joħorġu ħafna minn djarhom….

Dehret f’min jagħmel kuntatt online b’mod regolari ma’ min qiegħed kwarantina jew huwa marid…

Veru li għexna u qed ngħixu fi żminijiet diffiċli imma veru wkoll li dawn iż-żminijiet urew iżjed li aħna bnedmin li nieħdu ħsieb u nagħtu każ ta’ xulxin. Veru wkoll li konna kapaċi nkunu hemm għal xulxin meta kien hemm il-bżonn.

Naħsbu u Nirriflettu

  • Inti grat lejn min f’dawn iż-żminijiet għamel sagrifiċċji personali biex inti stajt tibqa’ tgħix ħajja komda?
  • L-oħrajn, persuni li huma qrib tiegħek, jistgħu jittamaw fik u fid-disponnibiltà tiegħek għalihom?
  • Kif tista’, f’dan iż-żmien tal-Avvent tkun iżjed disponnibli għall-oħrajn?

Talba

Mulej Ġesù, inti f’Betlem, sirt bniedem bħalna biex tkun viċin tagħna, biex ikun iżjed faċli għalina li nersqu għandek. Ħeġġiġna biex aħna wkoll nkunu tama għall-oħrajn speċjalment għal dawk li għandhom bżonn il-kuraġġ u l-għajnuna tagħna. Għinna sabiex bħalek nkunu persuni disponnibli għall-oħrajn u li tkun faċli għal ħaddieħor li jitlobna l-għajnuna li jkollu bżonn. Ammen.