
Riflessjoni għall-ewwel Ħadd tal-Avvent, imħejjija mit-Tim tal-Liturġija
Ħsieb
“Kemm inbidlu l-affarijiet! Kemm qed naraw id-dinja b’mod differenti! Kemm iktar qed napprezza dak li qabel ma kontx nagħti kas!” Min jaf dawn il-kummenti kemm smajnihom fl-aħħar xhur, minn mindu bdiet il-pandemija. Iżda jkun hemm min jgħid ukoll, “Dan kollu għaġeb żejjed! Mhux fejn konna bqajna?” Sabiex tara kemm dawn il-kummenti huma bis- sens…
…kellem lil min qabel kien jistrieħ fuq il-ħafna flus u lussu li kellu, iżda issa spiċċa mingħajr xogħol;
…kellem lil min qabel kien jistrieħ fuq il-karriera u s-suċċess, u f’daqqa waħda jirċievi ittra li tgħidlu li s-servizz tiegħu ma hemmx iktar bżonnu;
…kellem lil min qabel kien jixxala u jiddeverti ’l hawn u ’l hemm, u fi ftit ġimgħat spiċċa jħoss dwejjaq kbar għax il-postijiet li fihom kien imur kienu magħluqa;
…kellem lil min qabel kien iserraħ moħħu li hu b’saħħtu, u wara ftit uġigħ tal-griżmejn u swab test, spiċċa l-isptar jiġġieled għan-nifs;
…kellem lil min qabel kien iwaqqa’ għaċ-ċajt lil sħabu u jaħseb li m’għandu bżonn ta’ ħadd, u fi ftit siegħat spiċċa msakkar waħdu mingħajr il-kumpanija ta’ sħabu;
…kellem lil min qabel ma kienx japprezza l-preżenza ta’ dawk li jħobbuh, u fi ftit ġranet kellu jattendi għall-funeral tagħhom għax mardu u mietu ħabta w sabta.
Ħaġa waħda biss ma nbidlitx – u din tibqa’ għal dejjem l-istess – Alla l-imbierek. Issa inti trid tagħżel. Fejn ser tpoġġi t-tama tiegħek? F’dawk l-affarijiet li fi ftit żmien jispiċċaw u jtiru mar-riħ, jew f’Alla, li jiġri x’jiġri hu dejjem hemm, ma jiċċaqqlaqx, ma jispiċċax, ma jinbidilx?
Naħsbu u Nirriflettu
- X’kienet l-iktar ħaġa li ħassejt jew qed tħoss in-nuqqas tagħha f’dan iż-żmien partikolari?
- Hemm xi ħaġa li qabel kont taħseb li ma tistax tgħaddi mingħajrha issa qed tinduna li hemm affarijiet iktar importanti?
- Jista’ jkun li fil-ħajja tiegħek kont qed isserraħ wisq fuq affarijiet li jgħaddu u jispiċċaw?
- Qiegħed tieħu ċ-ċans sabiex issir iktar ħabib ma’ dan Alla li żgur m’hu ser jinbidel qatt, u ser jibqa’ jħobbok kif int?
Talba
Mulej Ġesù, issa li qegħdin nibdew dan iż-żmien tal-Avvent, nitolbuk sabiex filwaqt li napprezzaw iktar dak kollu li inti tagħtina ta’ kuljum, nippruvaw ukoll insibu ħin sabiex nersqu aktar lejk, speċjalment permezz tal-qrar u l-Ewkaristija.