Tislima lill-Professur Oliver Friggieri – eks student tas-Seminarju

kitba ta’ Anthony Aquilina, eks għalliem fl-iskola tagħna

Għalhekk bħala skola għandna nkunu kburin li eks student minna għamel unur hekk kbir lil pajjiżna u li saħansitra ismu sar magħruf ma’ bosta pajjiżi barra minn xtutna.

Oliver Friggieri, tpenġija ta’ Ġorġ Mallia, eks għalliem tas-Seminarju

Pajjiżna għadu maħsud bl-aħbar tal-mewt tal-Professur Oliver Friggieri li ġrat nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru. Huwa jibqa’ magħruf għall-għadd kbir ta’ kitbiet marbutin mal-lingwa u l-letteratura Maltija. ‘Il fuq minn sittin minn dawn ix-xogħlijiet nqalbu f’ħafna lingwi barranin. Huwa awtur ta’ kotba ta’ poeżiji, rumanzi, kritika, stejjer qosra kif ukoll ta’ mijiet ta’ artikli fil-gazzetti u f’rivisti akkademiċi kemm Maltin kif ukoll barranin. Apparti minn hekk kien għal ħafna snin Professur tal-Malti fl-Università ta’ Malta fejn baqa’ jgħallem tista’ tgħid sal-aħħar ta’ ħajtu. Kien hu li ta’ timbru filosofiku, storiku u spiritwali b’mod mill-iżjed profond lill-kitba bil-Malti.

B’danakollu l-figura ta’ Oliver Friggieri għandha wkoll rabta speċjali mas-Seminarju. Huwa rċieva l-edukazzjoni sekondarja fis-Seminarju taż-Żgħar kif ukoll għamel xi snin jistudja għal qassis fis-Seminarju Maġġuri. Dawn is-snin fis-Seminarju ħallew marka profonda fil-karattru tiegħu tant li mhux l-ewwel darba fil-kitbiet tiegħu nsibu referenzi għas-snin li qatta’ fih. L-awtobijografija bl-isem Fjuri li ma Jinxfux toħroġ b’mod qawwi l-esperjenza tiegħu kemm fis-seminarju taż-żgħar kif ukoll tal-kbar. Fiha naraw diversi aspetti pożittivi, umoristiċi u spiritwali frott tal-edukazzjoni li ħa minn din l-istituzzjoni. Hemm imbagħad żewġ xogħlijiet oħra li għalkemm fihom m’hemmx referenza diretta għalih innifsu, joħorġu b’mod ċar din l-esperjenza. Ix-xogħlijiet jisimhom Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ u L-Istramb, it-tnejn rumanzi. Għalhekk bħala skola għandna nkunu kburin li eks student minna għamel unur hekk kbir lil pajjiżna u li saħansitra ismu sar magħruf ma’ bosta pajjiżi barra minn xtutna. B’hekk isem l-iskola kompla jingħata gieħ bil-kontribut ta’ dan il-ġenju tal-lingwa Maltija u li għalkemm kien bniedem għaref ħafna, qatt ma ħalla dan id-don jitlagħlu għal rasu, anzi bil-kontra l-umiltà straordinarja tiegħu kienet l-iktar kwalità li ħalliet impressjoni f’ħafna nies li ltaqgħu miegħu. Għan-nom tal-familja tas-Seminarju nagħtu l-kondoljanzi lil familjari tiegħu.