Iftħu qalbkom beraħ…

messaġġ għal Żmien ir-Randan

minn Ms Dorianne Cassar, f’isem it-Tim tal-Liturġija

Il-ħażin qawwi u setgħan, imma Alla li hu kollu tjieba u ħniena, jisboq dan kollu. Alla, meta ra kif il-bniedem minn rajh u mingħajr ħadd ma ġiegħlu, għażel li jeħodha kontrih, fassal pjan ta’ salvazzjoni biex b’hekk il-bniedem seta’ jerġa’ jitħabbeb mill-ġdid miegħU u għalhekk ikun jista’ jgawdi dak li Hu akkwista għalih: il-ħajja ta’ dejjem – dak li għalih ġie maħluq.

Fl-għerq ta’ kull ħażen hemm is-suppervja li ġġagħalna naħsbu li aħna bħal u daqs Alla. In-nuqqas ta’ qies u temperenza jwassluna biex naħsbu li nistgħu mmorru lil hinn minn dawk il-limitazzjonijiet li n-natura nnifisha mponiet fuqna (iddettatilna) – għax “dell li jgħaddi hu żmien ħajjitna” (Għerf 2, 5). Għal hawn m’aħniex, imma daqqiet nippreferu li naljenaw irwieħna u nagħmlu ta’ birruħna li t-tmiem għadu ’ l bogħod u allura ngħixu bħallikieku aħna għal dejjem.

Ejjew, mela, nagħmlu minn dan iż-żmien qaddis tar-Randan, żmien li fih nitħarrġu fl-opri tajba lejn il-proxxmu tagħna. Għax x’jiswielek li takkwista d-dinja mbagħad ma takkwistax it-tgawdija u l-hena ta’ dejjem? Jew x’jiswielek li tkun l-ikbar għaref u mbagħad tara lil kulħadd dubbien u qalbek ma tafx titqanqal għall-fqir u għall-batut?

Jalla lkoll kemm aħna nħallu dan iż-żmien jibdilna – jibdilna sabiex il-qalb tagħna tħoss għall-imwarrab, għall-batut, għall-fqir, u għall-imsejken u biex nneħħu minna kull sentiment ta’ mibegħda, għira jew vendetta u hekk minn issa nkunu nistgħu nibdew ingawdu l-paċi vera. “[N]ishru mela għax la [n]afu l-jum u lanqas is-siegħa.” (Mt 25, 12)