Ċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr

Nhar it-Tnejn 3 ta’ Ġunju 2019, bħala komunita` tal-iskola ċċelebrajna l-esperjenza sabiħa li għaddejna minnha matul din is-sena skolastika. Iċ-ċelebrazzjoni saret permezz ta’ quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla għall-għajnuna li tana f’dak kollu li esperjenzajna matul dawn l-aħħar xhur. Il-quddiesa tmexxiet minn Dun Charlon Muscat li sa ftit xhur ilu kien id-Direttur Nazzjonali tal-Vokazzjonijiet, u li issa qiegħed jaħdem bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni, sar mument ta’ adorazzjoni quddiem Ġesu` Ewkaristija. Fi tmiem il-quddiesa, is-Surmast Dun Mark Ellul ippreżenta tifkira lil Dun Charlon li kif diġà għedna, temm l-esperjenza tiegħu fl-iskola din is-sena.

Wara ftit avviżi relatati mal-eżamijiet, it-Tim tal-Amministrazzjoni tal-Iskola qassam ċertifikati lil dawk li laħqu l-livell ta’ Platinum fir-reporting system tal-iskola matul din is-sena. Dawn l-istudenti jkunu ngħataw numru sabiħ ta’ rapporti pożittivi mill-istaff tal-iskola għall-imġiba, għall-isforzi akkademiċi kif ukoll għall-impenn soċjali u komunitarju tagħhom fl-iskola.

M’għandniex kliem biżżejjed biex nirringrazzjaw lil Alla li għaddiet sena oħra li bl-esperjenzi kollha li għexna matulha, għenitna lkoll, staff u studenti, sabiex nikbru iktar fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn xulxin. Għalhekk, ma’ San Ġorġ Preca toħroġ minn qalbna t-talba, “Grazzi Sinjur Alla u aħfrilna Sinjur Alla!”