|
. E-Learning Moodle Login |
Fri 25 Sep 2009

Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru, 2009, il-membri kollha tal-istaff tas-Seminarju ltaqgħu għall-ewwel Staff Development Seminar tas-Sena skolastika li qegħdin fiha.
L-ewwel parti tmexxiet mis-Subject Co-ordinator u għalliem tar-Reliġjon, is-Sur David Polidano. Is-suġġett kien “Il-Missjoni tal-Ġħalliema bħala Lajċi Nsara fi Skola Kattolika”.
Il-Lajci Nsara
Is-Sur Polidano beda billi fisser min huma l-lajċi nsara. Huwa ta definizzjoni mnebbħa mill-Konċilju Vatikan Tnejn li jgħid li l-lajċi huma dawk li rċevew il-magħmudija minbarra s-saċerdoti u r-reliġjużi. Ħafna mil-lajċi mhumiex membri tal-għaqdiet jew jagħtu sehemhom attiv fil-Knisja. Il-lajċi nsara li huma membri tal-Poplu t’Alla jgħixu f’komunità. Alla jagħti d-doni jew kariżmi biex huma jużawhom għall-ġid tal-oħrajn. Fi kliem ieħor il-lajċi nsara jinsabu fil-qalba tad-dinja jiġifieri waqt li jagħmlu x-xogħol tagħhom normali, jagħtu sehemhom biex id-dinja titqaddes. Għalhekk l-għalliema lajċi għandhom ikunu komunità mnebbħa mill-vanġelu biex ikunu ta’ ġid għall-istudenti. Jistgħu jevanġelizzaw b’mod partikolari bil-kuntatt tagħhom maż-żgħażagħ.
L-Iskola Kattolika
Is-Sur Polidano kompla t-taħdita tiegħu billi qal li l-Iskola Kattolika hija l-post fejn isseħħ l-edukazzjoni sħiħa mibnija fuq Kristu bħala pedament. L-iskola kattolika taspira wkoll li tkun komunità nisranija u għalhekk importanti li l-għalliema jkunu ħaġa waħda.
L-iskola kattolika hi parti mill-missjoni evanġelika tal-Knisja u li għalhekk għandha tkun il-missjoni tal-għalliem lajk. Huwa jrid ikollu motivazzjoni qawwija li ġejja mir-relazzjoni tiegħu ma’ Kristu. Għalhekk wieħed irid jgħallem b’vokazzjoni u mhux sempliċiment fuq livell akkademiku. Fuq kollox id-dmir tal-għalliema nsara hu li jkunu xhieda bis-sehem tagħhom fil-liturġija, bix-xhieda tal-fidi, u kif jikkummentaw fuq ir-reliġjon. Fl-aħħarnett l-għalliema lajċi jridu jippruvaw jifhmu l-karatteristiċi partikulari tal-iskola, fil-każ tagħna li aħna Seminarju. Għalhekk l-għalliem hemm bżonn li jkun mezz ta’ formazzjoni u ta’ gwida.
Is-Sur David Polidano għalaq it-taħdita billi pproponielna xi mistoqsijiet ta’ riflessjoni li ħarġu minn dak li qal. Wara dan inqsamna f’erba’ gruppi li fihom iddiskutejna kif dak li ntqal fit-taħdita nistgħu napplikawh għall-iskola u biex naraw jekk s-Seminarju hux jaqdi l-funzjoni tiegħu ta’ Skola Kattolika.
It-tieni parti tmexxiet mis-Surmast Dun David Cilia li bdieha billi stieden lill-Inġinier Cecil Chircop biex ifissrilna kif taħdem is-sistema multi-media. Dan għaliex klassi waħda ġiet installata fiha din is-sistema biex bil-mod il-mod tidħol fil-klassijiet kollha. B’dan il-mod kull klassi jkollha servizz ta’ kompjuter, dvd u tagħlim interattiv: B’dan il-mod ix-xogħol tal-għalliem jitjieb u jnaqqas il-ħela ta’ ħin ta’ ġiri minn post għal ieħor.
Imbagħad is-Surmast li beda billi introduċa l-membri ġodda tal-istaff u ta xi informazzjoni fuq studenti ġodda u fuq l-istudenti li ntalbu jagħmlu xi eżamijiet supplimentari. Hu qal li kien hemm riżultati inkoraġġanti. Qal ukoll li r-riżultati tas-SEC mis-Seminarju kienu tajbin. Wara dan għadda biex tkellem fuq id-direttivi maħruġin mid-diviżjoni tal-Edukazzjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu b’rabta mal-Influwenza H1N1.
L-aħħar parti s-Surmast iddedikaha għall-iSchool Development Plan 2007-2010 fejn fisser il miri li rridu nilħqu f’din is-Sena Skolastika f’ħafna oqsma bħall- Kura Pastorali, it-Tagħlim tas-suġġetti, Eko-Skola, Health and Safety u l-Iskola Primarja l-ġdida u l-estenzjoni tal-Iskola Sekondarja.
|
Back to News List |