|
. E-Learning Moodle Login |
Wed 14 Jan 2009

Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Jannar, 2009, il-Form 5 kellhom taħdita mis-Sur Ruben Zahra dwar l-istrumenti tradizzjonali Maltin. Is-Sur Ruben Zahra huwa l-bniedem li nistgħu ngħidu ta l-ħajja lil dawn l-istrumenti li kienu ntesew għal kollox bit-taħdidiet tiegħu f’diversi postijiet u bl-attivitajiet tal-grupp mużikali ‘In-Nafra’ mwaqqaf minnu, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Din it-taħdita hija marbuta mal-istudju tal-Malti u tal-Istudji Ambjentali.
Is-Sur Zahra spjega b’mod ħaj u viżiv kif jaħdmu l-ħames strumenti mużikali ewlenin: iż-Żaqq, iż-Żummara, it-Tanbur, iż-Żafżafa u l-Flejguta. Hu qal li dawn kienu parti integrali mill-ħajja tal-bidwi u nies sempliċi oħra. Dan jurih il-materjal sempliċi u ma jiswiex flus minn xiex huma magħmulin. Wieħed tista’ tgħid isib dawn l-affarijiet fil-kampanja. L-ismijiet ġenetiċi ta’ kull parti minn dawn l-istrumenti juru kemm huma Maltin u kemm huma qodma.
Is-Sur Zahra wera wkoll kif dawn l-istrumenti jistgħu faċilment jindaqqu flimkien ma’ mużika moderna. Dan urieh billi daqq xi siltiet mużikali li l-istudenti apprezzaw ħafna. Wara dan tahom fuljett li fihom hemm tifsira ta’ kif jagħmlu Betbut u Żafżafa. B’dan wera li bi ftit flus wieħed jista’ jagħmel dawn l-istrumenti bħalma kienu jagħmlu fl-antik.
B’din it-taħdita, is-Sur Zahra wera kemm aħna l-Maltin għandna wirt ta’ min jgħożżu u li juri ċar l-identità tagħna bħala poplu.
|
Back to News List |